Thursday, August 6, 2009
L-għoli tal-ħajja
Jekk kien hemm bżonn konferma oħra tal-ħtieġa li nittrattaw l-għoli tal-ħajja u npoġġuh bħala prijorità ewlenija, din ingħatat meta kienet ippubblikata l-aħħar statistika tal-HICP mill-Eurostat. Din l-istatistika kkonfermat mill-ġdid li għat-tmien xahar konsekuttiv Malta kellha l-ogħla żieda fl-għoli tal-ħajja fiż-Żona Ewro.
Din is-sitwazzjoni ċertament qiegħda tagħti raġun lill-poplu Malti u Għawdxi meta f’kull okkażjoni li fiha jkun mistoqsi x’inhuma l-prijoritajiet, x’inhuma l-isfidi l-kbar għall-pajjiż, isemmi l-għoli tal-ħajja u l-inflazzjoni.
Il-poplu hu nkwetat b’din is-sitwazzjoni u hu d-dover tagħna li nindirizzaw it-tħassib tal-poplu... hu d-dover tagħna li bi sforz ġenwin ntejbu l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.
Is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja internazzjonali qiegħda tħalli l-effetti tagħha fuq pajjiżna b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam ma’ esportazzjoni u turiżmu.
M’hemm l-ebda dubju li l-Gvern Malti m’għandux tort għar-riċessjoni li qiegħda tiġi minn barra, imma ċertament għandu tort għan-nuqqas ta’ flus f’idejn iċ-ċittadini li qed ikun ikkawżat minn ‘policies’ bla viżjoni, minn żidiet eżorbitanti b’mod partikolari fis-settur tas-servizzi.
Fi żmien meta l-maġġoranza tal-gvernijiet membri fl-UE għamluha bħala punt kardinali fil-politika ekonomika tagħhom li jżommu f’livell baxx il-prezzijiet, b’mod partikolari tas-servizzi, il-Gvern għamel bil-maqlub u għażel li jgħolli b’mod eżorbitanti il-prezzijiet tal-aktar servizzi essenzjali.
L-akbar ekonomiji Ewropej sfruttaw bl-aħjar mod possibbli, il-ftit fatturi pożittivi li rriżultaw mir-riċessjoni. Il-fatt li d-domanda għal prodotti manifatturati naqset drastikament madwar id-dinja waslet biex il-prezz internazzjonali jorħos drastikament. F’sitwazzjoni bħal din, il-gvernijiet Ewropej iddeċidew li dan ir-roħs fil-prezz taż-żejt ikun rifless ukoll f’dak li jħallsu l-konsumaturi għall-prezz tal-petrol, tal-gass, tal-elettriku u tal-ilma.
Ċertament d-deċiżjoni meħuda minn dawn il-gvernijiet li jgħaddu r-roħs lill-konsumaturi kienet deċiżjoni motivata minn ippjanar ekonomiku.
Dawn il-gvernijiet irrealizzaw li jekk se jnaqqsu s-saħħa tal-infieq taċ-ċittadini, l-ekonomiji rispettivi tagħhom kienu se jistaġnaw ferm aktar. Dawn il-gvernijiet għarfu li jekk riedu jevitaw li s-sitwazzjoni tkompli tiggrava, il-konsumaturi kellhom jibqgħu jonfqu l-flus.
Matul l-aħħar leġislatura, il-Gvern kien b’mod regolari joħroġ lista ta’ prezzijiet ta’ mediċini li jkunu niżlu għal medja tal-prezzijiet Ewropej. Dan ix-xogħol kien qed isir grazzi għall- ħidma tal-kumitat dwar il-mediċini. Nistaqsi x’sar minnu dan il-kumitat? Qegħdin nassiguraw li l-konsumaturi mhux qegħdin ikunu abbużati meta jiġu biex jixtru prodotti u servizzi essenzjali bħal mediċina?
Issa, kemm-il darba smajna li hemm bżonn qafas legali adegwat biex mediċini li jkunu mibjugħin bi prezz ogħla mill-medja Ewropea jkunu rranġati. Imma mill-ġdid nistaqsi x’qegħdin nistennew biex din is-sitwazzjoni tkun irranġata?
Issa biex nkomplu nitfgħu l-melħ fuq il-ferita, l-ispiżeriji tal-Gvern nafu f’liema sitwazzjoni qegħdin, fejn għandek diversi mediċini essenzjali ‘out of stock’ u mediċini li wara xhur sħaħ ‘out of stock’ jinġabru lura. Meta wieħed jikkonsidra kollox, nażżarda ngħid li ċ-ċittadini Maltin qegħdin ikunu l-aktar poplu Ewropew li jħallas għall-mediċini li għandhom bżonn.
Hawn nistaqsi, fi żmien meta parti sostanzjali tas-sigurtà nazzjonali tagħna qiegħda tmur għas-servizz tas-saħħa, wasal iż-żmien li l-Gvern jagħti flus lura lil dawk iċ-ċittadini li huma intitolati għall-mediċina li hi ‘out of stock’ u li qegħdin jispiċċaw jixtruha mill-privat?
L-entità prinċipali tal-Gvern responsabbli mill-protezzjoni tal-konsumatur hija d-Diviżjoni għal Kompetizzjoni Ġusta u l-Konsumatur.
Fl-aħħar sentejn liema kienu dawk id-deċiżjonijiet meħudin minn din id-diviżjoni li effetwaw b’mod favorevoli lill-konsumatur u li waslu biex il-prezzijiet jorħsu? Jekk ittieħdu dawn id-deċiżjonijiet huma ftit il-konsumaturi li jafu bihom.
X’qed jagħmel il-Gvern biex jirranġa din is-sitwazzjoni? Jiena ninsab informat li fid-Diviżjoni tal-Konsumatur hemm persuni kompetenti f’dan il-qasam iżda li mhux qegħdin ikunu motivati. Jeħtieġ qabel ikun tard wisq naraw eżattament x’qed isir f’din id-diviżjoni, kif qiegħda titmexxa u kemm qiegħda tkun effettiva!
Kif bosta jafu l-‘Carterls’ huma kawża serja tal-abbużi fil-prezzijiet. Nistaqsi, kemm il-‘Cartel’ kienu investigati dan l-aħħar mid-Diviżjoni tal-Konsumatur?
Nafu wkoll li jsir monitoraġġ tal-prezzijiet mill-ispetturi fi ħdan id-diviżjoni. Nistaqsi x’qed isir mid-‘data’ li tinġabar? Kif qiegħda tkun analizzata? Ċertament hu evidenti l-mod kif qegħdin jogħlew il-prezzijiet ….saru xi investigazzjonijiet? Ittieħdet azzjoni?
Fattur ieħor li jwassal għal żieda fil-prezzijiet huma meta importaturi jew kumpaniji li jipprovdu servizz jabbużaw mill-pożizzjoni predominanti tagħhom fis-suq. Saru xi tip ta’ investigazzjonijiet bħal dawn mid-Diviżjoni tal-Konsumatur? Il-kumpaniji ż-żgħar qegħdin ikunu protetti mill-kumpaniji kbar?
Jeħtieġ li qabel nipprovaw nsibu s-soluzzjonijiet għal din il-problema serja ta’ għoli tal-ħajja nutilizzaw il-mezzi li għandna, id-Divizjoni għal Kompetizzjoni Ġusta u l-Konsumatur hija l-entità ewlenija tal-Gvern li tista’ tagħmel dan. Il-mistoqsijiet li ressaqt naħseb li tajjeb li nibdew inweġbuhom qabel ma jkun tard wisq.
Sadanittant irid nesprimi s-sodisfazzjoni tiegħi li llum nistgħu ngħidu li l-Gvern qed jaqbel mal-Oppożizzjoni dwar il-ħtieġa li titwaqqaf Aġenzija tal-Konsumatur.
Ta’ min jgħid li din l-aġenzija kienet ilha mwegħda iżda sfortunatament kien deċiż li din il-wegħda titwarrab għal kollox fi żmien meta l-pajjiż kellu l-aktar bżonnha. Issa nittamaw li x-xogħol jitħaffef u meta tiġi biex titwaqqaf din l-aġenzija, titħaddem b’serjetà u tara li tassigura kompetizzjoni ġusta u li jitnaqqas l-abbuż.
Din m’għandhiex tkun sempliċiment awtorità oħra mingħajr saħħa eżekuttiva bħal awtoritajiet oħrajn li ħallew il-Gvern jgħaffeġ – bħal fil-każ tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma – wara ħarġet tgħatti n-nuqqasijiet li saru. Il-ġlieda kontra l-għoli tal-ħajja teħtieġ sforz politiku ġenwin u nazzjonali.
Permezz ta’ proposti bħal dik tal-Aġenzija tal-Konsumatur, l-Oppożizzjoni Laburista qiegħda turi bil-fatti li mhux biss qiegħda taqdi l-funzjoni tagħha bħala Oppożizzjoni li tagħmel skrutinju tal-Gvern imma wkoll qiegħda tkun pro-attiva b’soluzzjonijiet fl-interess nazzjonali.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment