Wednesday, June 24, 2009
Riżultat bi sfidi kbar
Ir-rizultat uniku li kiseb il-Partit Laburista fl-elezzjoni tal-ParlamentEwropew jimlina b’kuraġġ u sodisfazzjon kbir. Fl-opinjoni tiegħi l-fattur ewlieni li wassal lil Partit Laburista għal dan ir-riżultat kien il-mod kollettiv li bih qed naħdmu. Dan grazzi għall-Mexxej Joseph Muscat li sa mill-bidu tal-ħatra tiegħu għamilha ċara li jrid jgħaqqad il-Partit, kif fil-fatt għamel.
Ir-riżultat sabiħ li ksibna fis-6 ta’ Ġunju hu biss il-bidu ta’ triq li trid twassalna għall-elezzjoni ġenerali.
L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew huma elezzjonijiet importanti ħafna u l-poplu Malti għaraf dan, b’79% jipparteċipaw f’dan il-proċess demokratiku. Iżda jibqa’ l-fatt li dawn l-elezzjonijiet m’hu-miex se jibdlu l-amministrazzjoni tal-pajjiż u din hija l-isfida ewlenija tagħna.
Dan għax filwaqt li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed inaqqas id-distakk kbir li jeżisti bejn iż-żewġ partiti bil-poter li għandu fil-Gvern, il-Partit Laburista jrid jaħdem biex iżomm din il-maġġoranza mill-oppożizzjoni.
Il-ħidma tal-Partit Laburista se tkun waħda diffiċli iżda mhux impossibli. Il-Partit Laburista fiż-żmien li jrid iwassalna għall-elezzjoni ġenerali jrid jibqa’ għaddej bir-ritmu li qabad. Jiġifieri jkun il-messaġġ ta’ tama u kuraġġ għaċ-ċittadini, ikun il-Partit proattiv li joħroġ ukoll b’alternattivi u jkun il-Partit li jagħmel skrutinju tal-operat tal-Gvern.
Jien persważ li taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat u l-amministrazzjoni preżenti dan se jseħħ.
Tal-Partit Nazzjonalista, ew-lenija fosthom il-Prim Ministru Lawrence Gonzi u Simon Busuttil, qegħdin jiskolpaw lilhom infushom mit-telfa billi jakkużaw lill-Partit Laburista li uża kwistjonijiet li m’għan-dhomx x’jaqsmu mal-Unjoni Ewropea.
Bħala kelliem Ewlieni Labu-rista għall-protezzjoni tal-konsumatur, attendejt diversi attivitajiet matul il-kampanja u ħadt ukoll sehem fihom. Il-Partit Laburista kien qiegħed jiffoka primarjament fuq tliet kwistjonijiet prinċipali: l-immigrazzjoni illegali, l-għoli tal-ħajja u x-xogħol. Għaldaq-stant ma nistax nifhem kif l-ewro parlamentari u strate-ġista tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qed jagħmel din it-tip ta’ kritika.
Għall-Partit Nazzjonalista l-unika aspett li għandu x’jaqsam mal-Unjoni Ewropea huwa l-attakk pwerili li għamlu dwar min jaf jew ma jafx jagħfas il-buttini biex jivvota.
Il-kampanja li mexxa l-Partit Laburista kienet ċertament waħda mill-isbaħ li qatt esperjenzajt għaliex kienet kampanja innovattiva ħafna, biss biss wieħed isemmi l-‘mass meeting’ taħt it-tinda f’Ta’ Qali. Attivitajiet li ġener-alment narawhom biss f’pajjiżi bħal l-Istati Uniti f’xi kungress tal-partiti l-kbar.
Imma mhux biss l-attivitajiet li dehru. Kien hemm ħidma intensiva minn wara l-kwinti biex jinżamm kuntatt man-nies u kien għalhekk li l-kampanja tal-Partit Laburista kienet tirrifletti l-inċertezzi u l-aspirazzjonijiet tal-familji Mal-tin inkluż dawk tal-klassi tan-nofs. Xhieda ta’ kemm il-Partit Laburista tgħallem mill-iżbalji tal-passat kien il-mod ta’ kif għamel użu bl-aħjar mod possibbli mill-mezzi tiegħu b’mod partikolari t-televiżjoni u l-kamra tal-aħbarijiet ta’ One News.
Bla dubju fattur ieħor im-portanti li wassal lill-Partit Laburista għal din ir-rebħa storika kien it-tim ta’ 12–il kandidat li rnexxielu jiġbor għal dawn l-elezzjonijiet. Minn hawn nixtieq nifraħ lill-erba’ kandidati eletti f’isem il-Partit Laburista.
Nirringrazzja ukoll lit-tmien kandidati Laburisti l-oħra mhux biss talli kkon-testaw dawn l-elezzjonijiet f’isem il-Partit Laburista, imma ukoll għax urew ruħhom disposti jaħdmu fl-interess tan-nazzjon.
Jien konvint li fiż-żmien li ġej aktar nies se jkomplu jersqu viċin il-Partit Laburista, il-moviment tal-progressivi u moderati, dan għax qed jagħrfu li l-Partit Laburista taħt it-tmexxija ta’ Joseph Muscat jaf id-direzzjoni li jrid jingħata pajjiżna, direzzjoni li twassal għal suċċess għall-Poplu Malti u Għawdxi kollu.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
No comments:
Post a Comment