Thursday, February 5, 2009


Il-qasam tas-saħħa

Is-saħħa hija l-aktar ħaġa importanti għall-persuna, kull persuna tagħmel minn kollox biex tieħu l-aqwa kura għal saħħitha. Jekk f'pajjiżna tgħid li m’għandniex sptar ta" kwalità tkun qed tigdeb. Mater Dei huwa post li jilqgħek, fih il- kumditajiet kollha u nemmen ukoll li l-istaff jagħmel mill- aħjar b’dedikazzjoni għall-pazjent. Ninnota però li hemm nuqqas ta’ tobba, ‘nurses’ u paramediċi, dan mhux ngħidu jiena imma jinħass minn kulħadd.

Nemmen ukoll li hija il-priorità tal-gvern fuq l-aġenda tiegħu, naf ukoll li min-naħa tad-dipartiment din hija problema u dejjem qiegħda tikber u twassal għal nuqqas ta’ servizz tajjeb lill-konsumatur. Fis-sena 2009 irridu nkomplu nieħdu bis-serjetà n-nuqqas ta’ riżorsi umani li hemm ġewwa l-isptar. Ma nistgħux nibqgħu nippermettu li biex tagħmel operazzjoni tal-katarretti jkollok tistenna s-snin b’detriment għal saħħtek.

Kienu ħafna n-nies li kellmuni u spiċċaw f"din is-sitwazzjoni. Jgħiduli dwar in-nuqqas li hemm ġewwa Mater Dei, problema li rridu nieħdu bis-serjetà. X’jiswa li jkollok sptar armat b’kollox u tal-aqwa kwalità imbagħad ma jkollux is-servizz li jistenna l-pazjent.

Filwaqt li irridu nsaħħu fuq it-tajjeb li hemm irridu nilqgħu għal din il-problema, nifhmu li hemm nuqqas ta’ tobba u ta’ paramediċi u nifhmu ukoll li sforz li qiegħed isir, imma mhux biżżejjed. Irridu nkunu front wieħed biex ngħinu ħalli din il-problema tissolva. Ma nistax nippermetti li persuna tistenna xhur twal biex tagħmel vista tal-għajnejn u mhux l-ewwel darba li jkollok bżonn vista importanti imma din titħalla għat-tul. Iva l-konsumatur jixraqlu aħjar u jinħtieġ li għal flus li nefaq għall-Mater Dei jkun moqdi aħjar.


L-ispiżjar tal-għażla tiegħek

Ħafna anzjani kellmuni x’sar mill-iskema tal-ispiżjar tal-għażla tiegħek. Hemm xi lokalitajiet fejn bdiet taħdem u f"postijiet oħra waqfet ħesrem. Ħafna anzjani qaluli li qiegħda tkun ta’ skariġġ żejjed għalihom li jġibu l-pilloli miċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Raħal Ġdid imbagħad ikollhom ċertu "items" li jkollhom imorru għalihom ġewwa Mater Dei. Inħoss li għandha tibda ħidma biex dawn il-pilloli jinġabru f’post wieħed f"ġurnata waħda.

Ċentri tas-saħħa

Ħafna jkunu l-ilmenti li jidħlu minħabba n-nuqqas ta" servizz li hemm fiċ-ċentri tas-saħħa dwar vista tal-għajnejn. Biex tagħmel vista trid tistenna x-xhur. Din l-istess bħal ‘waiting list’ tal-Isptar Mater Dei. Il-biċċa tal-visti tal-għajnejn ilha sejra xhur u issa jidher li waslet fl-aqwa tagħha. Jien nifhem li mirakli ma jsirux imma nemmen li għat-taxxi li l-poplu tagħna qiegħed iħallas jixraqlu aħjar.

Diabetiċi

Wasal iż- żmien li niddiskutu t- tqassim tas-siringi miċ-ċentri tas-saħħa b"aktar attenzjoni. Dawk li jabbużaw mid-droga jaqbdu u jieħdu siringi kemm iridu. U dawk li jbatu bid-dijabete le, dawk għandhom numru kemm jieħdu. Jiena mhux xi wieħed li nippretendi li għandna nieħdu kollox b"xejn imma nemmen li hemm ċerti servizzi li huma ta’ utilità għall-komunità li għandna nsaħħuhom. Intenni li mhux xieraq li dawk li huma diabetiċi, li f’ Malta għandna rata għolja, nistmawhom inqas minn ħaddieħor.

Illum irrid f’din il paġna nsellem lil dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-pazjent u li għalihom jiġi l-ewwel u qabel kollox, twemmin li nemmen fih jiena ukoll.

No comments:

Post a Comment